L-IMMIGRANTI FL-EWROPA
L-immigrazzjoni hija suġġett li diffiċli jiġi indirizzat fi żminijiet ta’ kriżi u ta’ qgħad għoli. Hija kwistjoni li ta’ spiss tingħata stampa ħażina – minħabba li l-immigranti huma vittmi sagrifikali għall-problemi; minħabba li l-politiki dwar l-immigrazzjoni fl-Ewropa mhux dejjem iffunzjonaw bl-aqwa mod; jew sempliċiment minħabba l-fatt li llum il-ġurnata mhuwiex faċli li l-aħbarijiet tajbin u l-istejjer pożittivi jsibu spazju fuq il-mezzi tax-xandir.
Madankollu, wieħed ma jistax jiċħad li l-immigrazzjoni tista’ tgħin fid-diversifikazzjoni tas-soċjetajiet, billi tagħmilhom aktar għonja u ssaħħaħhom. L-immigranti jġibu magħhom dinamiżmu ekonomiku, intraprenditorija, ideat ġodda, kif ukoll joħolqu l-impjiegi.
Kuntrarju għal nuqqas ta’ fehim komuni, l-immigranti legali ma jieħdux l-impjiegi minn ħalq il-ħaddiema lokali u ma jbaxxux il-pagi. Minkejja rata tal-qgħad ġenerali għolja fl-UE, l-immigranti jgħinu sabiex jimtlew il-ħiliet u l-postijiet tax-xogħol battala li huma dejjem aktar evidenti f’ċerti setturi tal-ekonomija.
Fl-Ewropa tal-lum, fejn il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol qiegħda tiċkien, l-immigranti għandhom jikkontribwixxu wkoll sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi demografiċi.
Billi qegħdin jipprovdu xogħol u ħiliet li ma jistgħux jinstabu faċilment fl-Ewropa, billi jaħdmu, jaqilgħu u jonfqu l-flus u jħallsu t-taxxi, billi jwaqqfu kumpaniji u joħolqu l-impjiegi, billi jużaw servizzi u jixtru prodotti li qegħdin joffru atturi oħrajn, l-immigranti qegħdin jikkontribwixxu biex iċaqilqu l-ekonomija Ewropea.